Sub-pages

X’inhi l-ħosba?

Il-ħosba hija marda virali kuntaġġuża ħafna li tista’ tittieħed fi kwalunkwe età, u li tista’ tinfirex ħafna. Din hija marda serja li tista’ twassal għal kumplikazzjonijiet u saħansitra għall-mewt.

Symptoms of measles

X’inhuma s-sintomi tal-ħosba?

Is-sintomi tal-ħosba normalment jidhru wara 10-12-il jum mill-infezzjoni:

  • is-sintomi tal-bidu jixbhu lil dawk ta’ riħ, b’imnieħer iqattar, sogħla u ħajta deni;
  • l-għajnejn isiru ħomor u sensittivi għad-dawl;
  • bejn it-tielet u s-seba’ jum, it-temperatura tista’ titla’ sa 41 ⁰C;
  • raxx aħmar li jdum bejn erba’ u sebgħat ijiem jibda jidher fuq il-wiċċ u mbagħad jinfirex mal-ġisem kollu;
  • jistgħu jidhru wkoll ponot bojod żgħar fuq il-ħanek u fuq ġewwa tal-ħaddejn.
complication illustration

X’inhuma l-kumplikazzjonijiet tal-ħosba?

30% tat-tfal u tal-adulti infettati bil-ħosba jistgħu jiżviluppaw kumplikazzjonijiet. Dawn jistgħu jinkludu infezzjonijiet tal-widnejn u dijarea.

Il-pulmonite hija kumplikazzjoni potenzjali serja li wasslet għall-mewt ta’ xi pazjenti bil-ħosba. Il-pulmonite hija l-aktar kawża komuni ta’ mwiet relatati mal-ħosba.

Ir-rata ta’ mortalità għall-ħosba hija ta’ persuna sa tlieta għal kull 1 000 każ u l-ogħla f’dawk iżgħar minn ħames snin u fost individwi immunokompromessi.

Madwar pazjent wieħed bil-ħosba minn 1 000 jiżviluppa infjammazzjoni tat-tessut tal-moħħ (enċefalite), kundizzjoni li twassal għal diżabilità newroloġika permanenti f’madwar wieħed minn kull erba’ każijiet.

F’każijiet rarissimi, infezzjoni persistenti bil-virus tal-ħosba tista’ tipproduċi panenċefalite sklerożanti subakuta (SSPE), marda li fiha n-nervi u t-tessut tal-moħħ jiddeġeneraw b’mod progressiv u li għandha probabbiltà akbar li tidher jekk l-infezzjoni bil-ħosba sseħħ f’età iżgħar. L-SSPE tipikament tidher wara bosta snin wara li l-pazjent affettwat ikollu l-ħosba; bħala medja, tiġi osservata wara 7 sa 10 snin mill-infezzjoni. Is-sintomi jinkludu tibdiliet fil-personalità, deterjorament mentali gradwali, spażmi tal-muskoli u sintomi newromuskolari oħra. Ma hemm l-ebda kura għall-SSPE u din dejjem twassal għall-mewt.

woman coughs

Kif tinfirex il-ħosba?

Il-virus tal-ħosba jinfirex minn taqtiriet fl-arja li jiġu prodotti meta l-persuna infettata tisgħol u tagħtas. Taqtiriet li jkun fihom il-virus jistgħu jibqgħu fl-arja għal diversi sigħat u l-virus jibqa’ infettiv fuq uċuħ kontaminati sa massimu ta’ sagħtejn. Persuna infettata tista’ tittrażmetti l-ħosba anki qabel ma jidher ir-raxx (normalment 4 ijiem), u għal madwar 4 ijiem wara li jidher ir-raxx.

Il-ħosba tinfirex faċilment fost individwi mhux imlaqqma. Huwa stmat li persuna waħda bil-ħosba tista’ tinfetta bħala medja bejn 12 u 18-il persuna mhux protetta.

Min qiegħed f’riskju li taqbdu l-ħosba?

Kull min mhuwiex imlaqqam kontra l-ħosba jew li ma kellux il-marda jinsab f’riskju li taqbdu l-ħosba fi kwalunkwe età.

Baby being vaccinated

Kif tista’ tiġi pprevenuta l-ħosba?

L-unika protezzjoni kontra l-ħosba hija t-tilqim. Il-vaċċin MMR (il-ħosba, il-gattone u r-rubella) huwa vaċċin ikkombinat li jipproteġi kontra l-ħosba, il-gattone u r-rubella (il-ħosba Ġermaniża). Il-vaċċin MMR huwa sikur u effikaċi u ma tantx għandu effetti sekondarji. Ġew irrapportati reazzjonijiet ħfief bħal deni, ħmurija jew nefħa fuq is-sit tal-injezzjoni. Xi wħud minn dawk li jingħataw il-vaċċin jiżviluppaw raxx ħafif mhux infettiv li jixbah lill-ħosba, tipikament bejn sebat ijiem u 14-il jum wara t-tilqim, li jisparixxi bejn jum u tlett ijiem wara.

Għall-protezzjoni massima huma meħtieġa żewġ dożi tal-vaċċin. Fil-pajjiżi Ewropej l-ewwel doża tingħata meta t-tarbija jkollha bejn 10 xhur u 18-il xahar. It-tieni doża tista’ tingħata xahar jew aktar wara l-ewwel doża, f’konformità mal-iskeda ta’ tilqim nazzjonali.

Il-vaċċin MMR tista’ tingħata aktar kmieni matul tifqigħat. Trabi ta’ bejn sitta u disa’ xhur li jinsabu f’żona – jew li ser ikunu qed jivvjaġġaw f’żoni – b’riskju għoli ta’ esponiment għall-ħosba, għandhom jirċievu doża supplimentari tal-vaċċin MMR. Doża bħal din qabel l-età ta’ disa’ xhur hija supplimentari għaż-żewġ dożi inklużi fil-programm nazzjonali tat-tilqim, li għandhom l-għan li jagħtu protezzjoni sħiħa.

doctor illustration

Kif tiġi kkurata l-ħosba?

Ma teżisti l-ebda kura speċifika għall-ħosba. Ħafna nies jirkupraw b’kura ta’ sostenn, li tista’ tinkludi idrazzjoni u mediċini kontra d-deni.

Jintużaw diversi miżuri sabiex jiġi evitat it-tifrix ulterjuri tal-ħosba, bħal kwarantina mill-iskola jew mix-xogħol kemm għall-persuna marida kif ukoll għal dawk f’kuntatt mill-qrib bi status ta’ tilqim inċert.

L-antibijotiċi mhumiex effettivi kontra l-ħosba għaliex hija kkawżata minn virus. Madankollu, l-antibijotiċi spiss jintużaw sabiex jikkuraw kumplikazzjonijiet b’infezzjonijiet batterjali li jistgħu jiżviluppaw minħabba l-ħosba, bħall-pulmonite u infezzjonijiet tal-widnejn.

 

Għal aktar informazzjoni ara s-sit web tal-ECDC: https://www.ecdc.europa.eu/en/measles/facts/factsheet

Nota: L-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva hija maħsuba għall-iskop ta’ informazzjoni ġenerali u ma għandhiex tintuża bħala sostitut tal-għarfien espert individwali u tal-ġudizzju ta’ professjonist fil-kura medika.

Aktar skedi informattivi

Influwenza

L-influwenza hija marda respiratorja li tittieħed ikkawżata minn infezzjoni b’virus tal-influwenza. Fl-Ewropa, l-influwenza sseħħ...

Ir-rubella

Ir-rubella (il-ħosba Ġermaniża) hija infezzjoni virali. F’individwi b'saħħithom din normalment tkun marda ħafifa.

Pertussis

Il-pertussis hija marda batterika infettiva ħafna li tinvolvi l-pulmun u l-passaġġi tan-nifs. Din hi magħrufa wkoll bħala sogħla konvulżiva.