Ħruq ta’ Sant’Antnin

Skeda Informattiva

X’inhu l-ħruq ta’ Sant’Antnin? 

Il-ħruq ta’ Sant’Antnin, magħruf ukoll bħala herpes zoster, huwa infezzjoni virali kkawżata mill-virus tal-varicella-zoster (VZV), l-istess virus li jikkawża l-ġidri r-riħ (variċella). Wara li persuna tirkupra mill-ġidri r-riħ, il-virus jibqa’ inattiv fis-sistema nervuża. F’xi każijiet, il-virus jista’ jerġa’ jiġi attivat aktar tard fil-ħajja u jikkawża l-ħruq ta’ Sant’Antnin. 

Woman with shingles has headache

X’inhuma s-sintomi tal-ħruq ta’ Sant’Antnin? 

Is-sintomi tipiċi tal-ħruq ta’ Sant’Antnin jinkludu:

  • Raxx ta’ uġigħ li normalment jidher bħala strixxa waħda fuq naħa waħda tal-ġisem, spiss fuq it-torso jew il-wiċċ
  • Nuffati li jinfetħu u jrabbu l-qoxra
  • Ħakk, tnemnim, jew sensazzjoni ta’ ħruq qabel ma jidher ir-raxx
  • Sintomi oħrajn jistgħu jinkludu deni, uġigħ ta’ ras, u għeja.

X’inhuma l-kumplikazzjonijiet tal-ħruq ta’ Sant’Antnin? 

Il-ħruq ta’ Sant’Antnin jista’ jwassal għal diversi kumplikazzjonijiet, fosthom:

  • Uġigħ persistenti fin-nervituri li jista’ jdum xhur jew saħansitra snin wara li r-raxx ikun fieq
  • Jekk il-ħruq ta’ Sant’Antnin jaffettwa l-għajnejn, jista’ jwassal għal infezzjonijiet fl-għajnejn u potenzjalment għat-telf tal-vista.
children at daycare

Kif jinfirex il-ħruq ta’ Sant’Antnin? 

Il-ħruq ta’ Sant’Antnin jista’ jaqbdek biss jekk fil-passat kellek il-ġidri r-riħ peress li dan huwa kkawżat minn attivazzjoni mill-ġdid tal-virus inattiv fil-ġisem. Jekk fil-passat qatt ma kellek il-ġidri r-riħ jew qatt ma ħadt il-vaċċin kontra l-ġidri r-riħ, u tiġi f’kuntatt ma’ xi ħadd li għandu l-ħruq ta’ Sant’Antnin, huwa possibbli li mbagħad jaqbdek il-ġidri r-riħ.   Persuna li jkollha l-ħruq ta’ Sant’Antnin hija inqas probabbli li tgħaddi l-virus lill-oħrajn jekk ir-raxx tagħha jkun mgħotti għal kollox.

Min qiegħed f’riskju li jaqbdu l-ħruq ta’ Sant’Antnin? 

Kull min kellu l-ġidri r-riħ jista’ jiżviluppa l-ħruq ta’ Sant’Antnin. Ir-riskju tal-ħruq ta’ Sant’Antnin jiżdied bl-età, speċjalment f’individwi li għandhom aktar minn 50 sena. L-inċidenza tvarja bejn il-pajjiżi u turi xejra li qed tiżdied fl-għadd ta’ każijiet hekk kif il-popolazzjoni globali tixjieħ.  Persuni b’sistemi immunitarji mdgħajfa minħabba ċerti kundizzjonijiet mediċi jew medikazzjonijiet huma wkoll aktar suxxettibbli għall-ħruq ta’ Sant’Antnin.

child getting vaccinated

Kif jista’ jiġi pprevenut il-ħruq ta’ Sant’Antnin?  

L-aħjar mod kif jiġi pprevenut il-ħruq ta’ Sant’Antnin huwa permezz tat-tilqim. Il-vaċċin kontra l-ħruq ta’ Sant’Antnin, imsejjaħ ukoll il-vaċċin kontra l-herpes zoster, jgħin inaqqas ir-riskju ta’ żvilupp tal-ħruq ta’ Sant’Antnin u jnaqqas il-probabbiltà ta’ kumplikazzjonijiet jekk ikun hemm il-ħruq ta’ Sant’Antnin. Xi Stati Membri tal-UE jirrakkomandaw l-użu ta’ vaċċini zoster għal ċerti gruppi tal-popolazzjoni abbażi tal-età jew tal-kundizzjoni medika. 

Kif jiġi ttrattat il-ħruq ta’ Sant’Antnin? 

Jekk tissuspetta li għandek l-ħruq ta’ Sant’Antnin, huwa essenzjali li tfittex attenzjoni medika. Trattament bikri b’mediċini antivirali jista’ jgħin biex inaqqas is-severità u t-tul tal-marda. Il-medikazzjonijiet għas-serħan mill-uġigħ u l-kompressi friski jistgħu jgħinu biex itaffu l-iskumdità matul il-proċess ta’ fejqan.