TB

Skeda Informattiva

X’inhi t-Tuberkulożi (TB)?

It-tuberkulożi (TB) hija marda infettiva kkawżata minn diversi razez ta’ mycobacteria, li jappartjenu għall-grupp tal-kumpless tal-Mycobacterium tuberculosis. It-TB normalment taffettwa l-pulmun (tuberkulożi pulmonari) iżda tista’ taffettwa wkoll kwalunkwe parti tal-ġisem (tuberkulożi estrapulmonari) bħall-kliewi, is-sinsla, u l-moħħ.
Filwaqt li r-rati tat-TB qed jonqsu b’mod kostanti fl-UE/fiż-ŻEE, ir-reġjun xorta rrapporta aktar minn 33 000 każ fis-sena fl-2020 u fl-2021.

TB patient with night sweats

X’inhuma s-sintomi tat-TB?

Is-sintomi tat-tuberkulożi jvarjaw skont il-parti affettwata. Fl-UE/Fiż-ŻEE, madwar 75 % tal-każijiet għandhom TB li taffettwa l-pulmun. F’dawn il-każijiet, is-sintomi tipiċi jinkludu:

  • sogħla persistenti (għal aktar minn ġimagħtejn)  
  • deni 
  • għaraq billejl
  • telf ta’ piż

It-TB li taffettwa partijiet oħra tal-ġisem ikollha sintomi li huma relatati mas-sit. 

Il-batterji tat-TB jistgħu xi kultant jinfettaw persuna mingħajr ma jikkawżaw il-marda. F’dawn il-każijiet, meta persuna tkun infettata bit-TB, ma tiżviluppa l-ebda sintomu, ma tkunx marida u ma tkunx tista’ xxerred il-marda. Madankollu, il-preżenza tal-batterji tfisser li l-persuna tkun f’riskju li tiżviluppa l-marda u s-sintomi mingħajr trattament xieraq . 

X’inhuma l-kumplikazzjonijiet tat-TB?

It-TB tista’ tikkawża ħsara permanenti fil-pulmun u dawk li jibqgħu ħajjin jistgħu jsofru minn għadd ta’ problemi persistenti ta’ saħħa respiratorja. TB rikorrenti lanqas mhija rari.

Jekk partijiet oħra tal-ġisem ikunu infettati, it-TB tista’ tikkawża ħsara permanenti lil dawk iż-żoni (bħal infertilità jew insuffiċjenza tal-kliewi). 

It-TB tista’ tikkawża wkoll kumplikazzjonijiet severi li jistgħu jeħtieġu dħul l-isptar (bħal insuffiċjenza multipla ta’ organi u xokk settiku).

Woman with TB coughing

Kif tinfirex it-TB?

Il-batterji li jikkawżaw it-TB jinġarru fl-arja u jistgħu jinxterdu mill-arja minn persuna għal oħra fi qtajriet żgħar rilaxxati meta persuna b’TB li taffettwalha l-pulmun tisgħol, tagħtas jew titkellem. Meta xi ħadd jieħu man-nifs il-batterji tat-TB, dawn ikunu jistgħu jissetiljaw fil-pulmun u jibdew jinfirxu. Jekk it-TB taffettwa partijiet tal-ġisem għajr il-pulmun, normalment ma tkunx infettiva.

Persuni infettati bit-TB iżda li mhumiex morda ma jistgħux jgħaddu l-marda lill-oħrajn. 
 

Min qiegħed f’riskju li taqbdu t-TB?

Kulħadd jista’ jiġi infettat bit-TB, iżda ċerti persuni jinsabu f’aktar riskju li jiżviluppaw il-marda attiva minn oħrajn. Dawn il-gruppi jinkludu: 

  • Dawk li jqattgħu ħafna ħin f’kuntatt mill-qrib ma’ xi ħadd li għandu t-TB
  • Dawk imwielda fi jew li jgħixu f’żona fejn it-TB hija komuni
  • Dawk b’sistema immunitarja mdgħajfa, bħal persuni bl-HIV, jew li qed jirċievu ċerti trattamenti mediċi li jaffettwaw is-sistema immunitarja
  • Tfal taħt l-età ta’ 5 snin
  • Persuni li jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ affollament eċċessiv jew ħżiena għas-saħħa, bħal persuni mingħajr dar jew fil-ħabs
child getting vaccinated

Kif tista’ tiġi pprevenuta t-TB?

It-tilqim jista’ jgħin fil-protezzjoni kontra forom severi ta’ TB fi tfal żgħar. Lil hinn mit-tilqim, ir-riskju tat-TB jista’ jitnaqqas billi jittieħdu diversi prekawzjonijiet:

  • l-iżgurar ta’ ventilazzjoni tajba
  • il-prattika ta’ iġjene tajba 
  • li wieħed jgħatti ħalqu u mnieħru meta jisgħol u jagħtas
  • l-għoti ta’ trattament preventiv għat-TB lil persuni b’infezzjonijiet tat-TB li għadhom mhumiex morda. 

Id-detezzjoni bikrija tat-TB pulmonari hija vitali biex tgħin fil-prevenzjoni tat-tixrid tal-marda. 

Kif tiġi ttrattata t-TB? 

It-trattament standard għat-TB jeħtieġ kombinazzjoni ta’ diversi antibijotiċi għal mill-inqas erba’ sa sitt xhur. It-trattament ta’ forom tat-TB li huma reżistenti għall-mediċini tal-ewwel linja jista’ jeħtieġ kombinazzjoni differenti ta’ antibijotiċi għal perjodi itwal (6 xhur sa 18-il xahar). 

It-trattament tat-TB jista’ jikkawża effetti sekondarji li jeħtieġu monitoraġġ u ġestjoni mill-qrib mill-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa.