Meta għandu jiġi evitat it-tilqim

Pregnant woman
© iStock

Vaċċin jista’ jkun kontraindikat għal ċerti persuni, u dan ifisser li dawn il-persuni ma għandhomx jitlaqqmu. Kontraindikazzjonijiet possibbli għandhom dejjem jiġu diskussi mal-fornitur tal-kura tas-saħħa qabel ma jingħata vaċċin.

Vaċċin ikun kontraindikat għal dawk allerġiċi għal kwalunkwe wieħed mis-sustanzi jew mill-ingredjenti attivi tal-vaċċin kif elenkat fl-informazzjoni dwar il-prodott.

Storja ta’ reazzjoni “anafilattika” jew reazzjoni allerġika serja oħra wara li jkun ingħata vaċċin hija kontraindikazzjoni għal aktar dożi ta’ dak il-vaċċin. L-anafilassi hija reazzjoni allerġika estrema, mgħaġġla u rari li tista’ tikkawża xokk, nefħa u diffikultà fit-teħid tan-nifs. Normalment din isseħħ ftit minuti wara l-esponiment għas-sors tal-allerġija. Xi ħadd li jesperjenza reazzjoni anafilattika jew reazzjoni allerġika serja oħra wara li jkun ingħata vaċċin ma għandux jerġa’ jingħata dak il-vaċċin, sakemm ma jkunx ġie deċiż b’mod definittiv li l-vaċċin mhuwiex il-kawża.

Ċerti disturbi tas-sistema immunitarja (eż. disturbi immuni konġenitali), jew kuri mediċi (eż. kimoterapija, trapjant tal-mudullun jew ta’ kwalunkwe organu ieħor, jew dożi għoljin ta’ sterojdi) huma kontraindikazzjonijiet għal ċerti vaċċini, bħall-ħosba, il-gattone, ir-rubella, il-variċella jew tifojde orali.

F’ċerti każijiet, l-għoti komplut tal-immunizzazzjonijiet meħtieġa huwa rrakkomandat qabel il-bidu ta’ kura, peress li matul il-kura l-pazjent jista’ jkun f’riskju ogħla ta’ infezzjoni. Pazjenti immunokompromessi jibbenefikaw ukoll mill-fatt li dawk ta’ madwarhom ikunu tlaqqmu b’mod komplet (bħall-membri tal-familja, l-indokraturi), peress li b’mod indirett ikunu protetti wkoll.

Xi vaċċini jkunu kontraindikati matul it-tqala, bħall-ħosba, il-gattone u r-rubella. Għandu jsir kull sforz biex jiġi żgurat li n-nisa jirċievu l-vaċċini rrakkomandati ta’ rutina kollha qabel ma jilħqu l-età li fiha jista’ jkollhom it-tfal. Nisa f’età li jista’ jkollhom it-tfal għandhom jiddiskutu mal-fornitur tal-kura tas-saħħa tagħhom liema vaċċini huma rrakkomandati qabel, matul u wara t-tqala.

Jista’ jkun hemm kontraindikazzjonijiet oħra għal vaċċini speċifiċi, li jkunu jeħtieġu diskussjoni mal-fornitur tal-kura tas-saħħa.

Tilqim ta’ rkupru u boosters

Tgħallem aktar dwar it-tilqim ta’ rkupru u l-boosters, mogħtija fil-każ ta’ dożi maqbuża jew ta’ immunità li tbatti.

Page last updated 13 Mar 2020