Kif jaħdmu l-vaċċini

Kull virus u batterju joħloq reazzjoni unika fis-sistema immunitarja li tinvolvi sett speċifiku ta’ ċelloli fid-demm, fil-mudullun u mal-ġisem kollu, imsejħa ċelloli T u ċelloli B, fost l-oħrajn.

Vaċċin jistimula reazzjoni immuni, u “memorja” tal-ġisem għal marda speċifika, mingħajr ma jikkawża l-marda.

Il-biċċa l-kbira tal-vaċċini fihom forma mdgħajfa ħafna jew inattivata (maqtula) ta’ virus jew batterju li normalment jikkawża marda, jew parti żgħira mill-virus jew mill-batterju. Dan jissejjaħ l-antiġene.

Meta persuna tingħata l-vaċċin, is-sistema immunitarja tagħha tagħraf l-antiġene bħala “barrani”. Dan jattiva ċ-ċelloli tas-sistema immunitarja sabiex joqtlu l-virus jew il-batterju li jikkawża l-marda u jagħmlu antikorpi kontrih. L-antikorpi huma proteini speċjali li jgħinu biex joqtlu l-virus jew il-batterju.

Aktar tard, jekk il-persuna tiġi f’kuntatt mal-virus jew mal-batterju infettiv attwali, is-sistema immunitarja tagħhom “tiftakru”. Din imbagħad tipproduċi malajr l-antikorpi x-xierqa u tattiva ċ-ċelloli immuni x-xierqa biex joqtlu l-virus jew il-batterju, u b’hekk tipproteġi lill-persuna mill-marda.

L-immunità normalment iddum snin, u xi drabi tul ta’ ħajja. It-tul ta’ żmien ivarja minn marda għal oħra u minn vaċċin għall-ieħor.

L-immunità permezz tat-tilqim tipproteġi mhux biss lill-individwu immunizzat iżda tipproteġi wkoll lin-nies mhux imlaqqma fil-komunità, bħat-trabi li huma żgħar wisq biex jiġu mlaqqma. Din l-“immunità komunitarja” tista’ taħdem biss jekk jiġu mlaqqma biżżejjed nies.

B’kuntrast għal dan, persuna li ssir immuni billi tieħu l-marda tista’ tesponi lil nies oħra mhux imlaqqma għall-marda. Il-persuna tkun ukoll f’riskju ta’ kumplikazzjonijiet.

      How vaccines work
      1. Antiġene 2. Antikorpi 3. Reazzjoni immuni

      Xi vaċċini aktar ġodda ma fihomx antiġene. Minflok, fihom “struzzjonijiet” li jgħidu liċ-ċelloli tal-ġisem kif jagħmlu antiġene li huwa identiku għal parti żgħira ta’ virus reali.

      Dawn l-istruzzjonijiet jistgħu jkunu:

      • mRNA f'vaċċin mRNA; jew
      • virus modifikat u li ma jagħmilx ħsara, f’vaċċin ta’ vettur virali.

      Meta persuna tingħata vaċċin mRNA jew vaċċin ta’ vettur virali, uħud miċ-ċelloli tagħhom jaqraw l-istruzzjonijiet. Dawn iċ-ċelloli mbagħad jipproduċu l-antiġene għal żmien qasir qabel ma jkissru l-mRNA jew il-virus li ma jagħmilx ħsara.

      Is-sistema immunitarja tal-persuna tirrikonoxxi l-antiġene bħala “barrani”, billi tattiva ċelloli immunitarji u tipproduċi antikorpi.

      Uħud mill- vaċċini tal-COVID-19  jaħdmu bl-użu ta’ mRNA jew virus modifikat. Mill-vaċċini tal-COVID-19 awtorizzati fl-UE minn Marzu 2021, Cominarty and Moderna huma vaċċini mRNA, u Vaxzevria (preċedentement COVID-19 Vaccine AstraZeneca) u Janssen huma vaċċini ta’ vettur virali.

        Page last updated 30 Apr 2021