Il-benefiċċji tat-tilqim għall-komunità

It-tilqim jipproteġi lill-persuni mlaqqma u lill-persuni ta’ madwarhom li huma vulnerabbli għall-mard, inaqqas ir-riskju li l-mard jinfirex fost il-membri tal-familja, ħbieb tal-iskola, kollegi, ħbieb, ġirien u persuni oħrajn fil-komunità.

Meta biżżejjed persuni f’popolazzjoni jkunu immuni għal marda infettiva, ir-riskju li l-marda tinfirex minn persuna għall-oħra jkun baxx. Din hija magħrufa bħala “immunità komunitarja” (li tissejjaħ ukoll “immunità bħala grupp”).

Community immunity
L-immunità komunitarja sseħħ meta biżżejjed persuni f’popolazzjoni jkunu immuni għal marda infettiva.

B’dan il-mod, il-vaċċini b’mod indirett jipproteġu lill-persuni l-oħra li jkunu vulnerabbli għall-marda. Dawn jinkludu t-trabi, it-tfal, l-anzjani, il-persuni b’sistemi immunitarja dgħajfa, pazjenti bil-kanċer, u persuni li ma jistgħux jitlaqqmu minħabba raġunijiet mediċi.

Dan ifisser li l-persuni li ma jistgħux jitlaqqmu, pereżempju minħabba li għadhom wisq żgħar jew minħabba li huma allerġiċi għall-komponenti tal-vaċċin, jibbenefikaw mill-fatt li l-persuni l-oħra jkunu mlaqqma, peress li l-marda ma tkunx tista’ tinfirex faċilment fil-komunità.

Pereżempju, biex jiżguraw l-immunità komunitarja kontra l-ħosba, l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika jirrakkomandaw li 95 % tal-popolazzjoni jitlaqqmu b’żewġ dożi tal-vaċċin kontra l-ħosba (il-vaċċin MMR, li jipproteġi kontra l-ħosba, il-gattone u r-rubella).

Madankollu, in-nies ma jistgħux jiddependu fuq l-immunità komunitarja għal xi mard infettiv. Pereżempju, it-tetnu jista’ jittieħed minħabba korrimenti komuni, inkluż gdim tal-klieb jew tal-qtates. It-tilqim huwa l-uniku mod li jiżgura protezzjoni diretta kontra t-tetnu.

Barra minn hekk, il-programmi tal-immunizzazzjoni jgħinu biex inaqqsu l-piżijiet soċjali, psikoloġiċi u finanzjarji tal-mard fuq in-nies u l-gvernijiet, inaqqsu l-pressjonijiet fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-kura soċjali u jippermettu lin-nies iwettqu attivitajiet produttivi li jinkludu l-edukazzjoni u l-impjieg.

Meta għandu jsir it-tilqim

Sib skedi nazzjonali tat-tilqim għall-pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE li joffru tilqim għal etajiet u popolazzjonijiet speċifiċi.

Page last updated 13 Mar 2020