
It-tilqim jipproteġi lill-individwi kontra mard li jista’ jkollu konsegwenzi serji fuq saħħithom, pereżempju:
- id-difterja toqtol 1 minn kull 10 persuni li taqbadhom, anki jekk tiġi ttrattata (1);
- kważi 9 minn kull 10 trabi li jitwieldu minn ommijiet li kellhom ir-rubella fil-bidu tat-tqala, se jbatu minn sindrome ta’ rubella konġenitali (b’kondizzjonijiet bħal nuqqas ta’ smigħ, katarretti u diżabilitajiet fit-tagħlim) (2);
- il-marda meningokokkali toqtol 1 minn kull 10 persuni milquta, anki b’dijanjożi u trattament mill-ewwel, filwaqt li problemi li jinkludu insuffiċjenza newroloġika jew fis-smigħ u qtugħ ta’ parti tal-ġisem iseħħu f’sa 20 % ta’ dawk li jibqgħu ħajjin (3);
- il-ħosba tittieħed ħafna u 3 minn kull 10 persuni milquta jiżviluppaw kumplikazzjonijiet (4), li jistgħu jinkludu infezzjoni tal-widnejn, dijarea, pulmonite u enċefalite (infjammazzjoni tat-tessut tal-moħħ);
- il-pertussis (sogħla konvulżiva) tista’ partikolarment tkun serja fit-tfal żgħar, u tikkawża episodji ta’ ħin twil fejn wieħed jisgħol li jistgħu jerġgħu jseħħu sa xahrejn. Il-kumplikazzjonijiet jinkludu pulmonite, enċefalopatija (marda tal-moħħ), aċċessjonijiet u anki mewt (5).
Din il-lista b’eżempji tinkludi mard li t-tilqim tiegħu huwa inkluż fil-programmi nazzjonali tal-immunizzazzjoni, u/jew jingħata lil persuni li jitqiesu li jinsabu f’riskju ogħla li taqbadhom il-marda.
--------------------------------------------------------------------
Referenzi:
(1) Skeda informattiva tal-ECDC - Id-Difterja: https://www.ecdc.europa.eu/en/diphtheria/facts
(2) Skeda informattiva tal-ECDC - Is-Sindrome ta’ Rubella Konġenitali: https://www.ecdc.europa.eu/en/congenital-rubella-syndrome/facts
(3) Skeda informattiva tal-ECDC - Marda meningokokkali: https://www.ecdc.europa.eu/en/meningococcal-disease/factsheet
(4) Pink Book tas-CDC tal-Istati Uniti – Il-Ħosba: https://www.cdc.gov/vaccines/pubs/pinkbook/meas.html
(5) Skeda informattiva tal-ECDC – Il-Pertussis: https://www.ecdc.europa.eu/en/pertussis/facts