Benefiċċji tat-tlaqqim

smiling-girl-being-vaccinated
© iStock

Il-vaċċini jipprevjenu mard li kieku seta’ jikkawża problemi serji tas-saħħa, diżabilità permanenti jew saħansitra mewt. Il-vaċċini jintużaw kull sena fuq mijiet ta’ miljuni ta’ persuni madwar id-dinja biex jipproteġu kontra mard serju.

Pereżempju, matul l-2018 madwar 86 % tat-trabi madwar id-dinja rċevew tliet dożi tal-vaċċin li jipproteġihom mid-difterite, it-tetnu u l-pertussis (DTP), u 85 % tat-trabi madwar id-dinja rċevew tliet dożi tal-vaċċin kontra l-poljo (1).

B’mod differenti għal kura li tingħata biex tikkura marda, il-vaċċini normalment jingħataw lill-persuni b'saħħithom bħala prevenzjoni kontra l-mard. Għaldaqstant, il-benefiċċji fit-tul tat-tilqim jaf ma jkunux evidenti mal-ewwel.

Ħafna mard infettiv huwa rari ħafna illum il-ġurnata grazzi għat-tilqim, allura xi drabi l-konsegwenzi negattivi ta’ dan il-mard jintesew. Jekk in-nies jieqfu jitlaqqmu, ħafna minn dan il-mard u t-tifqigħat relatati jistgħu jirritornaw.

Eżempju: ħosba

Il-ħosba kienet kważi ġiet eliminata f’bosta pajjiżi Ewropej.

Madankollu, minn Ottubru 2016 ġie osservat ritorn ġdid tal-ħosba fl-UE/fiż-ŻEE, b’tifqigħat f’diversi pajjiżi (2), minħabba tnaqqis fir-rati tat-tlaqqim.

Il-ħosba tista’ tkun serja jew saħansitra theddida għall-ħajja. Għal aktar informazzjoni, ara l-iskeda informattiva dwar il-ħosba.

L-unika protezzjoni kontra l-ħosba hija t-tilqim. Il-vaċċin MMR jipproteġi kontra l-ħosba, il-gattone u r-rubella (il-ħosba Ġermaniża). Il-vaċċin MMR huwa sikur u effettiv.

Eżempju: pertussis

Il-pertussis (is-sogħla konvulżiva) hija marda li taffettwa l-pajpijiet tan-nifs. Tista’ tinfirex malajr. Ta’ spiss twassal għal ospitalizzazzjoni fit-trabi, u r-riskju ta’ komplikazzjonijiet u ospitalizzazzjoni jiżdied għal trabi iżgħar minn tliet xhur. Tista’ tikkawża spażmi severi ta’ sogħla u normalment iddum bejn tliet u sitt ġimgħat.

Il-komplikazzjonijiet jistgħu jinkludu pulmonite, enċefalopatija (marda tal-moħħ), aċċessjonijiet u anki mewt. Għal aktar informazzjoni, ara l-iskeda informattiva dwar il-pertussis.

It-tlaqqim kontra l-pertussis huwa parti minn programmi nazzjonali ta’ immunizzazzjoni fl-UE. Dan jipproteġi lit-tfal mis-sogħla konvulżiva, filwaqt li jikkawża biss effetti sekondarji minuri. Madwar 20 % tat-trabi jkollhom ħmurija u wġigħ fis-sit tal-injezzjoni. Inqas minn 5 % ikollhom id-deni.

--------------------------------------------------------------------

Referenzi:

(1) https://www.who.int/news-room/fact-sheets/detail/immunization-coverage

(2) ECDC risk assessment ‘Who is at risk for measles in the EU/EEA?’ (Valutazzjoni tar-riskju tal-ECDC ‘Min qiegħed f’riskju tal-ħosba fl-UE/fiż-ŻEE?’, it-28 ta’ Mejju 2019: https://www.ecdc.europa.eu/en/publications-data/risk-assessment-measles-eu-eea-2019

Approvazzjoni tal-vaċċini fl-Unjoni Ewropea

Qabel ma vaċċin ikun jista’ jiġi approvat fl-UE, irid jgħaddi minn ittestjar rigoruż mill-iżviluppatur...

Monitoraġġ tas-sikurezza tal-vaċċin u rappurtar ta’ effetti sekondarji

Ladarba vaċċin jiġi approvat għall-użu, l-awtoritajiet nazzjonali tal-UE/taż-ŻEE u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), jimmonitorjaw kontinwament l-effetti sekondarji fuq in-nies li rċevew il-vaċċin.

L-effettività tat-tilqim

Il-kapaċità ta' tilqima li tipprevjeni marda speċifika tiddetermina l-effettività tagħha.

Kif jaħdmu l-vaċċini

Kull virus u batterju joħloq reazzjoni unika fis-sistema immunitarja li tinvolvi sett speċifiku ta’ ċelloli fid-demm...

Deċiżjonijiet dwar il-vaċċini li jintużaw f’pajjiżi Ewropej differenti

Pajjiżi Ewropej individwali jiddeċiedu liema vaċċini għandhom ikunu parti mill-programmi nazzjonali tat-tilqim tagħhom u ffinanzjati mis-sistemi tas-saħħa nazzjonali tagħhom.

Page last updated 13 Mar 2020