X’inhu COVID-19?
Il-COVID-19 huwa l-marda assoċjata ma’ sindromu respiratorju akut sever tal-coronavirus-2 (SARS-CoV-2). SARS-CoV-2 huwa razza ġdida ta’ coronavirus li ma kinitx ġiet identifikata fil-bnedmin qabel Diċembru 2019. Hemm tipi differenti ta’ coronaviruses u, għalkemm fil-biċċa l-kbira dawn jiċċirkolaw fost l-annimali, xi wħud jistgħu jinfettaw ukoll lill-bnedmin.
It-tifqigħa tal-COVID-19 li bdiet tard fl-2019 ġiet iddikjarata pandemija mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fil-11 ta’ Marzu 2020 (1). Din hija l-ewwel pandemija kkawżata minn coronavirus.

X’inhuma s-sintomi tal-COVID-19?
Il-COVID-19 ivarja fis-severità minn ebda sintomu (ikun asintomatiku) għal:
- deni,
- sogħla,
- uġigħ fil-griżmejn,
- bidla jew telf tat-togħma u/jew tax-xamm,
- dgħufija ġenerali,
- dijarea,
- għeja,
- uġigħ fil-muskoli.
F’każijiet serji, is-sintomi jistgħu jinkludu:
- infezzjoni severa fil-pulmun,
- sepsis u xokk settiku — infezzjoni ġeneralizzata u rispons infjammatorju,
kollha kemm huma jeħtieġu kura medika u appoġġ speċjalizzati.
Il-kundizzjoni tal-pazjent tista’ tiddeterjora malajr, spiss matul it-tieni ġimgħa tal-marda.
X’inhuma l-kumplikazzjonijiet tal-COVID-19?
Perċentwal ta’ dawk affettwati bil-COVID-19 se jkunu jeħtieġu rikoveru l-isptar, xi wħud saħansitra se jkunu jeħtieġu kura intensiva, xi kultant għal perjodi estiżi. Persuni li jiżviluppaw sintomi respiratorji severi jistgħu jeħtieġu appoġġ b’ventilazzjoni mekkanika, u dan jista’ jagħmilhom aktar suxxettibbli għal infezzjonijiet batteriċi sekondarji. Barra minn hekk, pazjenti bil-COVID-19 jistgħu jesperjenzaw komplikazzjonijiet, bħal puplesiji jew attakki tal-qalb, minħabba żieda fil-koagulazzjoni. Xi pazjenti jesperjenzaw sintomi newroloġiċi, bħal bidliet fil-personalità jew bidliet fil-viġilanza tagħhom.
Ir-rati ta’ rikoveri l-isptar jiżdiedu malajr bl-età, b’mod partikolari għal dawk li għandhom 60 sena u aktar, u għal dawk b’kundizzjonijiet tas-saħħa sottostanti.
Għal każijiet tal-COVID-19, ir-riskju ta’ mewt jiżdied malajr bl-età, u huwa sostanzjalment ogħla milli għall-influwenza. Qed isir dejjem aktar evidenti li ċerti pazjenti jistgħu jsofru minn effetti fit-tul mill-infezzjoni tal-COVID-19, inkluż diffikultà fit-teħid tan-nifs u minn rata ta' taħbit tal-qalb ogħla.

Kif jinfirex il-COVID-19?
Filwaqt li l-friefet il-lejl huma maħsuba li huma l-ospitu oriġinali tal-virus, il-virus issa jinfirex minn persuna għal oħra (trażmissjoni minn bniedem għal bniedem).
Attwalment huwa stmat li jekk ma jitteħdux miżuri preventivi, bħala medja, persuna infettata waħda se tinfetta bejn żewġ u tliet persuni oħra.
Il-virus jiġi trażmess prinċipalment permezz ta’ qtajriet u aerosols respiratorji waqt għatis, sogħla, jew interazzjoni ma’ oħrajn fi prossimità mill-qrib (normalment inqas minn żewġ metri). Dawn il-qtajriet jistgħu jittieħdu man-nifs, jew jistgħu jaqgħu fuq l-uċuħ li nies oħra jistgħu jiġu f’kuntatt magħhom, b’hekk dan iwassal sabiex huma jiġu infettati meta jmissu mneħirhom, ħalqhom jew għajnejhom. It-trażmissjoni tista’ sseħħ ukoll minn persuna li tkun infettata jumejn qabel ma tibda turi s-sintomi.
Il-virus jista’ jissopravivi fuq uċuħ differenti għal diversi sigħat (fuq ir-ram jew fuq il-kartun) jew sa ftit jiem (fuq prodotti tal-plastik jew tal-istainless steel).
Il-perjodu medju ta’ inkubazzjoni għall-COVID-19 (jiġifieri ż-żmien bejn l-esponiment għall-virus u l-bidu tas-sintomi) huwa attwalment stmat li huwa madwar ħamest ijiem sa sitt ijiem, iżda kważi dejjem bejn jum u 14-il jum.

Min huwa f’riskju li jaqbdu l-COVID-19?
Kulħadd huwa f’riskju li jaqbdu l-COVID-19, b’xi gruppi tal-popolazzjoni jkollhom riskju akbar li jiżviluppaw mard sever. Is-sintomi fit-tfal għandhom it-tendenza li jkunu inqas severi milli fl-adulti.
Ambjenti fuq ġewwa ffullati jipprovdu opportunitajiet għal tifqigħat tal-COVID-19, b’ħabsijiet, ċentri tal-immigranti u impjanti tal-ipproċessar tal-ikel bħala eżempji ta’ postijiet fejn ġew irrapportati tifqigħat. Huwa possibbli li l-arja kiesħa u umda ttejjeb ir-riskju ta’ trażmissjoni.
Dawk il-gruppi f’riskju akbar li jiżviluppaw il-marda tal-COVID-19 b’mod sever huma:
- persuni minn 60 sena ’l fuq;
- persuni b’kundizzjonijiet tas-saħħa sottostanti, bħal obeżità, pressjoni għolja, dijabete, mard kardjovaskulari, mard respiratorju kroniku, jew sistemi immunitarji dgħajfin.

Il-COVID-19, kif jista’ jiġi pprevenut?
Il-vaċċini biex jipprevjenu l-COVID-19 saru disponibbli għall-ewwel darba fl-UE/fiż-ŻEE tard f’Diċembru 2020.
Huwa rrakkomandat li tinżamm distanza fiżika (minimu ta’ metru wieħed jew, idealment, żewġ metri) minn oħrajn f’postijiet pubbliċi, u li jiġi evitat it-tlaqqigħ ta’ gruppi kbar ta’ persuni biex jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni permezz ta’ qtajriet respiratorji.
Għal ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet li jistgħu jieħdu n-nies u l-komunitajiet sabiex jgħinu fit-tnaqqis tat-tixrid tal-COVID-19 ara: Infografika: Miżuri mhux farmaċewtiċi.
Il-virus jidħol fil-ġisem permezz tal-għajnejn, tal-imnieħer jew tal-ħalq, u għalhekk huwa importanti li wieħed jevita li jmiss il-wiċċ b’idejn li ma jkunux maħsulin. Il-ħasil tal-idejn bis-sapun u bl-ilma għal mill-inqas 20 sekonda, jew it-tindif sew tal-idejn b’soluzzjonijiet ibbażati fuq l-alkoħol, ġellijiet jew tissues hmaa rrakkomandati fis-sitwazzjonijiet kollha.

Kif jiġi ttrattat?
Ix-xjenzati u t-tobba qegħdin jistudjaw diversi trattamenti għall-COVID-19.
Il-fornituri tal-kura tas-saħħa normalment jikkuraw is-sintomi tal-COVID-19 aktar milli jpoġġu fil-mira l-virus innifsu billi joffru kura ta’ appoġġ (eż. terapija bl-ossiġnu, ġestjoni tal-fluwidi) għal persuni infettati, li jistgħu jkunu effettivi ħafna.
Għal pazjenti morda serjament u b’mod kritiku, qegħdin jiġu ttestjati għadd ta’ mediċini li għandhom fil-mira l-virus, iżda l-użu tagħhom għad irid jiġi vvalutat aktar bir-reqqa. Għaddejjin diversi provi kliniċi internazzjonali biex jivvalutaw l-effikaċja ta’ diversi mediċini u antikorpi.
Għall-informazzjoni l-aktar reċenti dwar it-trattamenti tal-COVID-19, żur is-sit web tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA): Trattamenti u vaċċini għall-COVID-19
Aktar informazzjoni
- Il-Kummissjoni Ewropea:Rispons għall-coronavirus
- ECDC:Id-data l-aktar reċenti dwar is-sorveljanza: Aġġornament dwar is-sitwazzjoni tal-COVID-19 mad-dinja kollha
- ECDC:Il-pandemija tal-COVID-19
- ECDC:L-evidenza l-aktar reċenti dwar il-COVID-19
- ECDC:Mistoqsijiet u tweġibiet dwar il-COVID-19
- ECDC:Gruppi ta’ riskju għoli għall-COVID-19
- ECDC:Kif tipproteġi lilek innifsek u lill-oħrajn
--------------------------------------------------------------------
Referenza:
(1) Ir-rimarki tal-ftuħ tad-Direttur Ġenerali tal-WHO waqt il-briefing għall-midja dwar COVID-19, 11 ta’ Marzu 2020: https://www.who.int/dg/speeches/detail/who-director-general-s-opening-remarks-at-the-media-briefing-on-covid-19---11-march-2020
Nota: L-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva hija maħsuba għall-iskop ta’ informazzjoni ġenerali u ma għandhiex tintuża bħala sostitut tal-għarfien espert individwali u għall-ġudizzju ta’ professjonist fil-qasam tal-kura tas-saħħa.
Vaċċini kontra l-COVID-19
L-UE hija responsabbli biex tiżgura li vaċċini siguri u effettivi kontra l-COVID-19 jaslu għand il-pubbliku fl-UE/fiż-ŻEE. Il-Kummissjoni Ewropea awtorizzat l-ewwel vaċċin kontra l-COVID-19 fit-21 ta’ Diċembru 2020, wara evalwazzjoni mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u konsultazzjoni mal-Istati Membri tal-UE.